Il-Gvern ħareġ avviż legali li se jagħti serħan il-moħħ lil 7,500 bidwi li jaħdmu raba’ tal-privat bil-qbiela.
Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli mill-biedja, Anton Refalo f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’.
Din ir-riforma hija maħsuba biex tara li jintlaħaq bilanċ bejn iż-żewġ naħat, jiġifieri sid ir-raba’ u l-bidwi, filwaqt li jiġu ggarantiti s-sostenibilità tal-biedja, il-produzzjoni u s-sigurtà tal-ikel, u l-ħarsien tal-ambjent rurali.
Il-Ministru Refalo spjega kif l-għan wara din il-liġi sussidjarja huwa li tipprovdi prezz ġust u xieraq għall-kirja tar-raba’ agrikolu u fl-istess ħin toffri aktar ċertezza, stabbilità, u serħan il-moħħ fil-qasam.
“Dan l-avviż huwa importanti ħafna u juri li dak li l-Gvern iwiegħed, jagħmlu. Wara li, kif jaf kulħadd, għamilna l-emendi lill-Kapitlu 199 tal-Liġijiet ta’ Malta – anki varajna l-White Paper dwar il-viżjoni li għandu l-Gvern lejn dan is-settur – issa ġejna hawn fit-tielet fażi biex nistabbilixxu l-valur tar-raba’ agrikolu lis-settur privat. B’hekk għandek 7,500 bidwi li jkollu s-serħan tal-moħħ kif dan ir-raba’ jiġi vvalutat.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur għall-Agrikoltura, Marco Dimech, spjega li dan l-avviż legali se jkun qed joħloq mekkaniżmu ta’ kif jista’ jkun stabbilit il-prezz ġust tal-agrikoltura.
“Se jkun maqsum fuq żewġ fażijiet: wieħed li jiġi stabbilit il-prezz bażi. Dan se jkun qed jirrifletti l-income li hu ġġenerat mill-agrikoltura u mbagħad, bħala top-up, ikun hemm assessment tal-art agrikola individwali. Din, kull art agrikola għandha l-kriterji tagħha, allura jkun hemm assessment fuq numru ta’ kriterji li huma stabbiliti bil-liġi, li jsir minn nies tekniċi, u jingħata punteġġ għal kull kriterju identifikat hemmhekk. Dak il-punteġġ ikun ikkonvertit b’valur, liema valur jiġi magħdud mal-prezz bażi u hemmhekk jiġi stabbilit il-prezz. Imbagħad, il-bord tal-qbiela se jkun jista’ jalloka massimu ta’ 1.5% fuq dan il-prezz biex ikun stabbilit il-prezz tal-qbiela.”
Il-valuri ppubblikati se jirrifletti diversi fatturi bħall-fond tal-ħamrija, l-aċċess għall-ilma, u l-aċċess għat-toroq, fost oħrajn. B’hekk ikun assigurat li ma jkunx hemm varjazzjoni ta’ stimi għall-istess art agrikola.
Dan il-valur se jkun ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern u għandu jiġi rivedut kull ħames snin.