“Nagħti s-serħan il-moħħ lill-poplu Malti li ħdimna biex nissalvagwardjaw il-pożizzjoni ta’ Malta favur in-newtralità.” Kien dan il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela mal-midja fl-ewwel jum tas-summit tal-mexxejja Ewropej fil-Kunsill Ewropew.
Hawnhekk il-Prim Ministru tkellem dwar ftehim ta’ sigurtà li sar bejn il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u l-President Ukren Volodymr Zelensky.
“Hemm pożizzjonijiet li huma kemmxejn differenti sew, addirittura minħabba r-realtajiet partikolari ta’ pajjiżna. Jiġifieri jekk naqbdu l-ftehim, li ġie ffirmat bejn il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Kunsill Ewropew u l-President Ukren, hemmhekk ir-realtà partikolari ta’ pajjiżna, dik li tikkonċerna n-newtralità, in-non-alineament u l-importanza li l-paċi għandha lejn pajjiżna, tkun riflessa, fost oħrajn, fil-konklużjonijiet fejn hemm is-salvagwardja u r-rispett għar-realtajiet ta’ kull stat membru. Dik il-pożizzjoni hi ċċarata. Il-ftehim li rreferejt għalih ma jistax jinbidel jekk mhux b’unanimità bejn l-istati membri kollha. Allura hemmhekk nagħti s-serħan il-moħħ sħiħ lill-poplu tagħna li ħdimna li naraw l-importanza tan-newtralità, li toħroġ mill-Kostituzzjoni, tiġi ssalvagwardjata.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela tenna kif Malta tgħin lill-Ukrajna b’għajnuna umanitarja, waqt li dejjem ikkundannat l-invażjoni Russa f’dan il-pajjiż fil-Lvant tal-Ewropa. Sostna kif pajjiżna dejjem wassal il-messaġġ ta’ paċi kemm fl-Ukrajna u kif ukoll fil-Lvant Nofsani.
Is-summit tal-Kunsill Ewropew se jkompli matul il-jum tal-Ġimgħa, fejn fuq l-aġenda tal-mexxejja hemm l-ogħla karigi tal-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin.