Il-Gozo Channel se jkompli jibni fuq is-suċċessi, b’impjiegi garantiti għall-ħaddiema
Qal dan il-Ministeru għal Għawdex b’referenza għar-rapport li deher illum fil-mezzi tax-xandir. “Il-Ministeru għal Għawdex jikkjarifika li l-Gozo Channel se jkompli jibni fuq is-suċċessi miksuba riċentament bil-profitti li bdiet tirreġistra l-kumpanija sabiex tkun f’pożizzjoni aktar kompetittiva fis-snin li ġejjin,” qal il-Ministeru.
Żied if imwiegħed qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Gvern huwa impenjat li jsib soluzzjonijiet differenti ta’ kif tista’ titjieb l-aċċessibilità bejn Għawdex u Malta.
“Tul dawn l-aħħar sentejn saru numru ta’ studji li flew kif dan il-pass jista’ jintlaħaq kif ukoll sar xogħol sabiex jissaħħu l-istrutturi tal-kumpaniji involuti. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar ġimgħat, il-kumpanija tal-Gozo Channel kienet għaddejja f’taħdidiet mal-union li tirrappreżenta lill-ħaddiema tal-Gozo Channel u ġie spjegat li l-impjieg tal-ħaddiema se jibqa’ garantit u li l-kundizzjonijiet eżistenti mhux se jiġu mittiefsa,” kompliet tgħid l-istqarrija.
Nhar it-Tnejn 26 ta’ Settembru, il-Gozo Channel se jlaqqa’ lill-ħaddiema f’laqgħa konġunta mal-union sabiex ikomplu jitfissru l-pjani tal-kumpanija.
Intqal li din il-ħidma se tkompli ssaħħaħ ir-riżultati pożittivi li diġà nkisbu. Fil-fatt, filwaqt li matul l-amministrazzjoni preċedenti kien hemm żieda ta’ 300,000 passiġġier li qasmu bejn Malta u Għawdex, mill-bidla fl-amministrazzjoni kien hemm żieda ta’ 866,000. B’hekk, it-tkabbir reġistrat matul din l-amministrazzjoni huwa kważi tliet darbiet dak matul ħames snin sħaħ ta’ gvern preċedenti.
Il-profitti reġistrati mill-Gozo Channel taħt din l-amministrazzjoni kienu ta’ €1.01 miljun filwaqt li taħt amministrazzjoni preċedenti, fl-2012, il-Gozo Channel għamel telf ta’ €1.6 miljun.