L-Awtorità tal-Ippjanar irrevediet l-iskema ta’ regolarizzazzjoni tal-bini, permezz ta’ avviż legali maħruġ illum. Dan bil-għan li iktar familji jingħataw serħan il-moħħ meta jiġu biex ibigħu darhom jew jissellfu fuq id-dar tagħhom.
Din il-proċedura hija intiża għal dawk li darhom jew il-proprjeta tagħhom ma jkunux konformi mal-permessi minħabba xi nuqqasijiet żgħar u li mhumiex skont ir-regoli tal-Awtorita tal-Ippjanar. F’dak il-każ, se jkun possibbli li jinħarġilhom permess dment li dan ix-xogħol illegali jkun seħħ qabel l-2016, u li dawn l-iżviluppi jkunu inklużi fir-ritratti li ttieħdu mill-Awtorità.
ONE News tkellem mal-uffiċjal tal-Awtorità tal-Ippjanar, Ray Debono, li spjega aktar dwar din l-emenda f’din il-liġi.
“Li għandek nies illi wirtu jew għandek proprjetà fil-pussess tagħhom illi minħabba minor infringements fiha, dawn la setgħu jieħdu loan mill-bank, la setgħu ibigħuha, għax il-banek jekk ikun hemm infringements, ġustament, ma jagħtux il-go-aheads tagħhom. Allura, on a case by case basis, (l-Awtorità tal-Ippjanar) qiegħda tniedi dan il-proċess ta’ regolarizzazzjoni li permezz tiegħu l-individwi li għandhom dan it-tip ta’ proprjetà jistgħu japplikaw u l-awtorita, on a case by case basis, tevalwa l-każ.”
Huwa spjega magħna li min għandu parti mill-proprjetà tiegħu barra ż-żona ta’ żvilupp jaf jikkwalifika, ma jikkwalifikax jekk il-proprjeta kollha hija ’l barra miż-żona ta’ żvilupp jew bla permess.
L-uffiċjal tal-Awtorità qal ukoll li hemm ħlasijiet sabiex wieħed ikun iregola ruħu u dawn il-fondi se jmorru favur il-komunità.
“Ovvjament, tajjeb li wieħed jgħid li hemm proċeduri u hemm kundizzjonijiet. Irid isir ħlas u l-Awtorità tal-Ippjanar tuża l-ħlasijiet li tiġbor minħabba dawn l-infringements, minħabba dawn ir-regolarisations sabiex tagħmel proġetti soċjali fil-qasam tal-ambjent.”
Ritratt: flickr/Leslie Vella