Madwar l-Ewropa, kien iċċelebrat il-Jum Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data.
F’din l-okkażjoni, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard qal li “Bħala gvern, mhux biss qed nimplimentaw il-leġiżlazzjonijiet kollha neċessarji biex nissalvagwardjaw liċ-ċittadini ta’ pajjiżna, iżda qed nimmodernizzaw ukoll il-proċeduri u s-sistemi teknoloġiċi tagħna biex nassiguraw li jkollna l-aħjar qafas li jagħti serħan tal-moħħ lill-Maltin u Għawdxin kollha.”
Il-Ministru qal dan waqt li indirizza konferenza annwali organizzata mit-Taqsima għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data fi ħdan il-ministeru. L-għan tal-konferenza kien li tingħata ħarsa lejn l-iżviluppi li saru tul l-aħħar sena fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, inkluż aġġornamenti leġiżlattivi u prattiċi ġodda li qed jiġu introdotti madwar l-Ewropa, kif ukoll deċiżjonijiet li ttieħdu fil-Qrati Ewropej.
Il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data Ian Deguara saħaq dwar l-importanza li fil-ħidma tagħhom jissalvagwardjaw u jassiguraw illi kwalunkwe proċessar fi ħdan l-entitajiet u dipartimenti u l-ministeri ikun konformi mal-liġi tal-protezzjoni tad-data.