Sergio Mattarella reġa’ ġie elett bħala President tal-Italja għas-seba’ snin li ġejjin.
Huwa se jkun it-13-il President tat-tieni Repubblika Taljana u jibqa’ fil-Palazz tal-Quirinale, f’Ruma.
Mattarella ġie elett fit-tmien votazzjoni li saret fil-Parlament Taljan f’Ruma u kiseb 759 vot.
Hu kellu jikseb aktar minn 505 voti biex jiġi elett.
Oriġinarjament Mattarella ma riedx joqgħod għal terminu ieħor bħala Kap tal-Istat Taljan iżda fl-aħħar sigħat qal li jekk jingħata l-fiduċja huwa joqgħod bħala President tar-Repubblika Taljana.
Id-Deputati tal-Parlament Taljan, is-Senaturi u rappreżentanti mill-għoxrin reġjun tal-pajjiż ilhom mit-Tnejn jippruvaw jeleġġu President ġdid u għall-kariga ssemmew ismijiet bħall-Prim Ministru Taljan Mario Draghi u l-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi.
Madankollu l-partiti fl-Italja baqgħu ma qablux fuq isem sakemm is-Sibt filgħaxija ttieħdet it-tmien votazzjoni li eleġġiet lil Mattarella għat-tieni terminu, li hu possibbli skont il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana.
Mattarella, li jgħodd 80 sena, huwa t-tieni President Taljan fl-istorja wara Giorgio Napolitano, li ħa terminu ieħor.
Napolitano ma kienx għamel it-tieni terminu b’mod sħiħ hekk kif kien irriżenja sentejn wara li beda t-tieni terminu.