Il-kampjonessa tat-tennis Serena Williams mardet wara li provat idduq l-ikel tal-klieb. Dan għamlitu sigħat qabel irnexxiela tgħaddi mal-ewwel tmienja fl-Open fl-Italja.
Williams ammettiet li provat porzjon mill-ikel li kellu jkun għall-kelb tagħha Chip, qabel marret biex tirbaħ kontra l-Amerikana Christina McHale f’Ruma. Permezz ta’ vidjo fuq Snapchat qabel il-partita, spjegat li l-plat kien bit-tiġieġ u r-ross u li wieħed jista’ jordnah għall-klieb mill-lukanda li kienet fiha.
“Jidher tajjeb” qalet li ħasbet l-isportiva ta’ 34 sena. Madanakollu sigħat wara, mardet b’mod li, fi kliema, ħassitha se tmut.
Stqarret li temmen li għandu jkun hemm indikazzjoni li dan it-tip ta’ ikel mhux tajjeb għall-bniedem.