Fuq l-erba’ vapuri tal-Gozo Channel it-Tnejn waranofshinar rikbu mijiet ta’ karozzi u passiġġieri, propju fil-ħinijiet li n-nollijiet tal-Maltin u t-turisti ġew mraħħsa bħala parti mill-iskema ta’ dan il-gvern biex jattira t-turiżmu u jirriġenera l-ekonomija.
It-Tnejn wara nofsinhar fit-triq ewlenija tal-Imġarr wieħed seta’ jinnota serbut twil ta’ karozzi lesti biex jaqsmu il-fliegu wara xi vaganza għall-kwiet u mistrieħ fil-gżira tat-tliett għoljiet.
Ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li b’din l-iskema, il-Maltin qed jagħżlu biex itawwlu l-vaganza tagħhom f’din il-gżira.
Il-Ministru Camilleri stqarr: “L-iskema ntlaqgħet b’mod tajjeb ħafna u rajna li l-Maltin qed jaqsmu fost il-ġimgħa u qed naraw lil dawk li jiddeċidu li jqattgħu l-weekend f’Għawdex u jestendu b’ġurnata oħra. Filfatt qed naraw qsim konsiderevoli propju wara t-tlieta ta’ waranofshinar meta tiġi applikata l-iskema sabiex wieħed iħallas kważi b’nofs prezz u dan kien it-target li l-mawra tkun estiża.”
Il-Ministru Camilleri qal ukoll li wara l-pandemija ħafna Maltin qed jagħżlu lill-Għawdex bħala d-destinazzjoni tagħhom.
Huwa sostna: “Skema tajba għal wara l-pandemija rajna influss fil-weekends hekk kif il-Maltin qed jagħżlu lil Għawdex bħala destinzzjoni u vaganza tagħhom għal dan is-sajf.”
Din l-iskema ta’ roħs tal-prezzijiet tibqa’ tgħodd sat-tletin ta’ Lulju u tapplika għall-biljetti li jinxtraw mit-Tnejn sal-Ħamis bejn is-sagħtejn u kwart ta’ nofshinar u nofsiljel.
Il-passiġġieri se jkunu qed iħallsu €2.50ċ u l-prezz tal-vettura se jkun €8.50ċ.