Żagħżugħ ta’ 21 sena mis-Serbja se jiġi deportat lejn pajjiżu, wara li, fil-Qorti t’Għawdex, ammetta li kellu fil-pussess tiegħu d-droga ecstacy u dik kokaina, waqt li wkoll ġie kkundannat 12-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn u multa ta’ €500.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Keith Xerri, qalet li, nhar l-Erbgħa li għadda għall-ħabta tal-10:30 ta’ bil-lejl, l-imputat Lazo Bojinovic ġie nnotat waqt road check f’Marsalforn.
Hawnhekk hu ntalab iwaqqaf il-vettura tiegħu, iżda, minflok, ipprova jaħrab mill-uffiċjali tal-Pulizija.
Meta saret tfittxija fil-vettura, instabu erba’ pakketti kannabis u €1,000 fi flus kontanti u, għalhekk, inħareġ mandat ta’ arrest, fejn il-pulizija sabet aktar droga fir-residenza tiegħu, fil-Fontana.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Dr Nadine Stivala, li dehret għall-imputat, qalet li ddispjaċih għall-azzjonijiet tiegħu, anke jekk ma kellu l-ebda intenzjoni li jittraffika d-droga fil-pussess tiegħu.