Goran Pantelic ta’ tlieta u ħamsin sena mis-Serbja, ma ingħatax il-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li stupra mara bid-dimensja f’dar tal-anzjani fil-Mosta.
ONE News jinsab infurmat li t-tmexxija tad-dar ikkoperat mal-pulizija biex jinqabad l-imputat.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest tad-difiża u nnutat l-evidenza delikata li tista’ tiġi mbagħbsa jekk l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Fil-Qorti ssemmew lożor imċapsin bid-demm fejn allegatament seħħ ir-reat.
Fl-oġġezzjoni tagħha l-prosekuzzjoni semmiet ukoll il-kundizzjoni mentali tal-allegat vittma, li qed tbati mid-dimensja.
Issemma wkoll il-fatt li l-akkużat m’għandux rabtiet b’saħħithom fil-komunità Maltija, u l-permess ta’ residenza fil-pajjiż se jiskadi għada stess.
Quddiem dawn is-sottomissjonijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest.