Aleksandar Filipovic, Serb ta’ disgħa u tletin sena li jgħix San Pawl il-Baħar, baqa’ jinżamm arrestat mixli b’kompliċità ta’ serq minn diversi vetturi, f’San Pawl il-Baħar u fil-Qawra, bejn Settembru u Ottubru.
Filwaqt li ma saret ebda kontestazzjoni għall-validità tal-arrest, l-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, fuq il-bażi li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija.
Din it-talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni, hekk kif l-imputat m’għandu ebda rabta ma’ pajjiżna u hemm ċans li jaħrab. Dan minbarra li l-vittmi għad iridu jixhdu.
Il-Prosekuzzjoni semmiet ukoll li l-imputat għandu l-vizzju tad-droga, u hemm il-biżà li jerġa’ jwettaq xi reat ieħor.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest lill-imputat, li ttieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.