Nenad Vasic, Serb ta’ tlieta u erbgħin sena li jgħix San Pawl il-Baħar, tressaq il-Qorti l-Ħadd filgħodu u ġie akkużat li ħa ritratti u filmati ta’ att sesswali privat mingħajr il-kunsens tal-mara involuta.
Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt f’appartament f’San Pawl il-Baħar.
Is-Serb, li jaħdem ma’ kumpanija tal-kostruzzjoni, tressaq il-Qorti b’urġenza wara li l-allegata vittma għamlet rapport fl-għassa ta’ San Pawl il-Baħar.
Fil-Qorti, ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-Difiża, immexxija mill-Avukat tal-għajnuna legali Sue Mercieca, għamlet talba ghall-ħelsien mill-arrest għaliex qalet li l-akkużat, li ilu Malta għal madwar 3 snin, għandu xogħol stabbli, kondotta nadifa u kkollabora mal-Pulizija.
Hi żiedet targumenta li m’hemmx ċans li jeqred l-evidenza għax ta l-mobile lill-Pulizija. Qalet ukoll li l-akkużat għandu bżonn jibgħat il-flus lil uliedu fis-Serbja, u jekk jinżamm arrestat, se jitlef l-impjieg.
Żiedet tgħix li l-allegat każ ma seħħx fl-appartament fejn jgħix is-Serb.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Christian Cauchi, oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-vittma għadha ma tatx ix-xhieda tagħha u għax l-akkużat għandu pjanijiet li jsiefer lejn is-Serbja.
Il-Qorti ppreseduta mill-Magistrat Monica Vella, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u appellat lill-Prosekuzzjoni biex ittella’ lill-vittma tixhed fis-seduta li jmiss.