Żdiedet serata oħra li fiha se jsir il-kunċert li l-Partit Laburista qed jorganizza, bl-isem TEMA 79 sabiex ifakkar l-erbgħin sena mill-Ħelsien ta’ pajjiżna mill-qawwiet ingliżi. Dan wara li l-biljetti għall-ewwel serata tad-9 ta’ Marzu inħatfu ġmielhom.
Is-Segretarju Organizattiv tal-Partit Laburista, William Lewis, saħaq li s-serata żejda li se ssir fil-10 ta’ Marzu se tkun maħsuba wkoll sabiex tkun iżjed komda għall-Għawdxin li jixtiequ jaraw l-ispettaklu.
“Kellna t-talba li din forsi ssir ftit iktar kmieni speċjalment minn naħa tal-Għawdxin, biex ikunu jistgħu jilħqu l-vapur u hekk u għaldaqstant din is-serata ħa ssir ‘Matinee’ fil-ħamsa ta’ wara nofsinhar, biex ukoll inkunu nistgħu naqdu lil dawk in-nies ukoll.”
William Lewis saħaq li kull min se jattendi se jkun jista’ jisma wħud mid-diski ta’ dik is-sena li baqgħu popolari sal-lum il-ġurnata.
“Ħa jkun kunċert li fih se jkun hemm madwar 14-il kantant stabbilit u orchestra kbira t’40 ruħ illi żgur li dawn il-kanzunetti illi kienu popolari fid-79 ħa joħorġu b’mod differenti, ħa jiġu interpretati b’mod differenti f’din l-orkestra.”
Dawk li jixtiequ jattendu l-kunċert f’Dar il-Mediterran għandhom jistgħu jixtru l-biljetti minn fuq is-sit mcc.com.mt jew minn Dar il-Mediterran. Biljetti jinbiegħu wkoll miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fil-ħinijiet tal-uffiċċju.