F’għaxart ijiem, il-biljetti għall-kunċert tal-Orkestra Filarmonika “The Prime Minister’s Playlist”, inbiegħu kollha.
Għaldaqstant minbarra l-kunċert tal-erbgħa u għoxrin ta’ Frar, se tittella’ ripetizzjoni l-għada, l-Ħadd ħamsa u għoxrin ta’ Frar, fis-sitta ta’ filgħaxija.
Ikkonferma dan ic-Chairman tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali Sigmund Mifsud.Mifsud qal li “L-appell tagħna għal dawk li jridu jattendu għal dan il-kunċert – li ma jħallux għall-aħħar, għax biss biss f’ġurnata waħda biss bigħhejna iktar minn 200 biljett.”
Is-Sur Mifsud spjega kif dawk interessati jistgħu jixtru l-biljetti tagħhom miċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi, jew mis-sit showshappening.com, fejn jidher kif il-postijiet diġà qed jimtlew sew.
Huwa żied jgħid li l-varjeta mużikali f’dan il-kunċert hija interessanti ħafna. B’siltiet mużikali li jfissru xi ħaġa għall-Prim Ministru.
Mifsud qal li “Biex nipprogettaw dan kollu hemm kantanti bravissimi lokali, fosthom Chris Grech, Micaels, The Travellers, Kevin Borg, Glenn Vella, Tiziana fost oħrajn. Ukoll ħa nagħmlu tribute għall-Bayzo għax kien wieħed mill-kantanti li kellu jkun magħna, imma sfortunatament kellu jħallina. U għalhekk naħseb ha tkun serata interessanti imtella’ mill-Malta Philarmonic Orchestra fejn wiehed se jigi u jiddeverti bil-muzika li se noffru.”