Kważi sitt snin minn mewtu, l-istoriku Għawdxi Anton F. Attard se jiġi mfakkar b’serata letterarja u mużikali fil-Katidral tar-Rabat, Għawdex, il-Ħamis 25 ta’ Jannar mis-7:00 ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Fis-serata, li għandha l-appoġġ tal-Ministeru għal Għawdex u d-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdanu u l-Arkivji Nazzjonali, fost l-oħrajn, se jsiru wkoll diskorsi u qari ta’ poeżiji f’unur il-memorja ta’ dan il-kittieb, folklorista u riċerkatur.
Attard, li miet fl-għomor ta’ 75 sena, kien mir-Rabat, Għawdex u jibqa’ magħruf għal diversi ħidmiet favur il-gżira, fost l-oħrajn fil-qasam tal-letteratura storika. Xogħol ieħor, li wettaq matul ħajtu, jinkludi dak ta’ traduttur.
Minbarra li kien għalliem, hu nħatar Segretarju tal-Awtorità tad-Djar fl-1977 fejn aktar tard inħatar ukoll f’sezzjoni tal-Ħaddiema Pubbliċi tal-General Workers’ Union (GWU) u mbagħad ħa f’idu s-Segretarjat għall-Affarijiet t’Għawdex fejn wera rieda kbira biex itejjeb il-ħajja u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku.