“Il-Professur Oliver Friggieri rnexxielu jwaħħad flimkien l-ilsien Malti, l-espressjoni letterarja, u l-ħidma politika”.
Hekk qal il-President George Vella meta kien qed jindirizza l-ewwel minn sensiela ta’ attivitajiet kulturali li se jittellgħu matul din il-Presidenza.
Fid-diskors tiegħu waqt lejla mużiko-letterarja, il-President Vella fisser kif il-Professur Friggieri hu awtur Malti li għaraf jinterpreta b’mod sħiħ il-mixja storika u kulturali tal-poplu Malti lejn l-għarfien ħolistiku tan-nazzjonalità individwali tiegħu.
Fir-rigward tal-użu tal-lingwa fuq il-mezzi tal-media soċjali u tradizzjonali, il-President appella biex l-individwi jagħrfu jużaw il-kelma, “għall-ġid komuni, u mhux interess personali li jista’ jkun a skaptu tal-benesseri ta’ ħaddieħor”.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Professur Friggieri fisser kif il-poeżija tiktibha biex tesprimi dak li tkun qed tħoss. Appella biex f’pajjiżna nbiddlu l-lingwa f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika, u kif din għandha tkun lingwa ta’ imħabba u li twassalna biex naraw il-ġid komuni lilhinn minn kull twemmin politiku.
Is-serata mużiko-letterarja f’ġieħ il-Professur Friggieri saret fil-Palazz Sant’Anton u għaliha attendew għadd ta’ persuni midħla tal-letteratura, akkademiċi, u dawk li jgħożżu l-lingwa Maltija.
Matulha nqraw għadd ta’ poeżiji, fosthom ‘Pellegrin Distratt’, ‘Talba ta’ Tifla Ċkejkna għall-Paċi’, kif ukoll poeżija mhux ippublikata li nqrat għall-ewwel darba, bl-isem ta’ ‘L-aħħar kelma, forsi’. Fost is-siltiet mużikali kien hemm silta mużikali mir-rumanz ‘It-Tfal jiġu bil-Vapuri’, u ‘Il-Blata tas-seklu’.
Ritratti – OPR