Nhar it-Tlieta, 12 ta’ Settembru, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi fakkar għeluq il-170 sena mit-twelid ta’ Ġużè Muscat Azzopardi, rumanzier, poeta, politiku u fuq kollox Qormi, billi tella’ lejla mużiko-letterarja f’Misraħ il-kittieba eżattament fejn jinsab il-Monument tal-Kavallier, Ġużè Muscat Azzopardi.
Il-moħħ wara din is-serata kienet Doris Zammit, kunsilliera fl-istess kunsill ta’ Ħal Qormi.
Intant matul din is-serata li kienet taħt l-patroċinju distint tal-Eċċ. Tiegħu, George Vella, president ta’ Malta, l-istess Doris Zammit, xandara u awtriċi ta’ bosta kitbiet bil-Malti, tellgħet feature bl-isem ta’ Il-Vjaġġ ta’ Ħajtu dwar il-Ħajja ta’ GMA.
Intant il-preżentazzjoni saret minn Marica Cassar, Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi ma’Caritas, attriċi u xandara, flimkien ma’ Duncan Ciappara li qara s-siltiet mill-kitba ta’ Ġużè Muscat Azzopardi.
Is-Sindku, Dott, Josef Masini Vento, qal li serati bħal dawn tajjeb li jsiru fil-lokal fejn għexu missirijietna, biex nibqgħu nfakkru dak li għamlu biex l-ilsien Malti jibqa’ jikber.
L-Eċċ.Tiegħu George Vella President ta’ Malta, għamel xi osservazzjonijiet dwar is-sinifikat tax-xogħol ta’ Muscat Azzopardi fi żmienna.
Intant fi ftit ġimgħat oħra l-kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi se jkun qed iniedi kompetizzjoni fil-kitba tal-Malti, għall-istudenti kbar. Aktar tagħrif jingħata aktar ‘il quddiem fuq il-midja soċjali, fuq il-mezzi tax-xandir u anke fuq id-Dielja, il-magażin tal-kunsill, għar-residenti Qriema.