L-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta se tkun qed tfakkar l-1,900 sena mill-martirju ta’ San Publju, patrun ta’ Malta, li hu wkoll marbut mal-istorja tal-Kristjaneżmu fi gżiritna.
Serata unika, li se tgħaqqad flimkien diversi elementi u tpoġġihom għar-riflessjoni ta’ kull min jattendi, inkluż b’filmati interessanti u esperjenzi ħajjin, qed tiġi organizzata nhar it-Tlieta li ġej, 18 ta’ Marzu, fil-Knisja Arċipretali ta’ San Publju fil-Furjana mis-7.30 p.m. ’il quddiem.
Il-ġrajjiet Bibbliċi, flimkien mal-ħajjiet tal-qaddisin martri li għal sekli sħaħ ifformaw il-kultura Maltija, se jingħaqdu mal-ġrajjiet ta’ żminijietna f’lejla waħda.

Waqt li tradizzjonalment jiġi raffigurat bl-iljun iswed, simbolu tal-martirju, l-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta mhux biss se twassal tagħrif dwar San Publju, iżda ħasset il-ħtieġa biex b’din l-attività fi żmien ir-Randan, imsejħa ‘L-Iljun tal-Martri’, tirrifletti dwar problemi li jiffaċċjaw persuni f’ħajjithom.
Is-serata, f’kollaborazzjoni mal-Parroċċa San Publju, se tara jieħdu sehem esperti mill-Caritas Malta u l-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.
Minħabba li mhux se tintuża l-knisja kollha, dawk interessati huma mħeġġa jirriservaw post.