It-Tnejn filgħaxija kienet organizzata serata kommemorattiva f’għeluq il-mitt sena mit-twelid tal-eks Prim Ministru ta’ Malta Duminku Mintoff.
Il-Professur Raymond Mangion iddeskriva lil wieħed mill-ġganti ta’ pajjiżna f’żewġ aspetti.
L-ewwel wieħed kien ix-xogħol. Mangion innota li għal Mintoff, li wiehed ikollu x-xogħol itih id-dinjità.
It-tieni aspett kien il-fatt li kien politiku u statista. Spjega kif huwa kellu viżjoni fit-tul ħafna u kien jara ħafna snin ‘il quddiem.
Minn naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li f’Mintoff dejjem laqtu t-timing. Spjega kif kien dejjem jaf meta għandu jidħol fix-xena u meta joħroġ.
Dwar dan il-Prim Ministru Muscat sostna li Mintoff kien wiehed mill-ftit nies li meta ħareġ mix-xena, sar iktar relevanti.
Għalqet is-serata l-President Marie Louise Coleiro Preca. Sostniet li huwa kellu passjoni unika għal pajjiżna u dejjem ħeġġeġ lil poplu biex jemmen fih innifsu.
Appellat biex tinżamm u tkun żviluppata il-viżjoni favur il-paċi li kellu Mintoff, filwaqt li ż-żgħażagħ jingħataw l-opportunitajiet bħal ma kien jagħmel hu.