F’Misraħ l-Assedju fil-Belt Valletta għadha kif intemmet ċerimonja kommemorattiva li tat bidu għall-attivitajiet uffiċjali ta’ Jum il-Vitorja ta’ din is-sena.
Din il-festa tfakkar ir-rebħa tal-Kavallieri u l-Maltin fl-Assedju l-Kbir fl-1565 u kif ukoll it-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-1943.
Din is-sena qed jiġu kkommemorati wkoll il-mitt sena minn mindu l-Parlament Malti approva li l-Jum il-Vittorja bħala festa nazzjonali.
Waqt din is-serata kommemorattiva, għamlet id-diskors tal-okkażjoni l-eks Membru Parlamentari, Maria Camilleri. Hija semmiet iż-żewġ assedji li sawru n-nazzjon Malti, li wrew il-qlubija tal-poplu Malti. Għamlet referenza għal-lingwa Maltija li, fakkret, sabet min jifdiha u min jerfagħlha ġieħha. Appellat biex lil ilsienna ngħożżuh u nistqarruh b’wiċċna minn quddiem.
Maria Camilleri għamlet appell lill-awtoritajiet tal-pajjiż biex il-ġenerazzjonijiet futuri jitrabbew bħala Maltin li jħobbu lil ilsien pajjiżhom u jitkellmu bih. Osservat li, grazzi għall-mexxejja tiegħu tul is-snin, pajjiżna għamel kisbiet kbar, fosthom l-Indipendenza, ir-Repubblika, u l-Ħelsien.
Hija qalet li, fl-aħħar snin, pajjiżna u l-bqija tad-dinja għaddew minn assedju ieħor: dak tal-pandemija tal-Covid-19. Qalet li kif kienet magħquda f’dak il-perjodu, f’għajnejn id-dinja Malta dehret kbira.
Meta semmiet il-gwerra fl-Ukrajna, irreferiet għall-prinċipju tan-newtralità u sostniet il-messaġġ ta’ pajjiżna favur il-paċi. Qalet li f’pajjiżna aktar nies qed isiru sensibbli dwar l-ispazji pubbliċi, li jtejbu l-kwalità tal-ħajja.
Maria Camilleri appellat ukoll għar-rispett lejn kulħadd, anki lejn dawk li ġew f’pajjiżna sabiex jaqilgħu l-għajxien tagħhom.
Għal din iċ-ċerimonja kommemorattiva attenda, fost l-oħrajn, il-Prim Ministru Robert Abela, li qiegħed kuruna tal-fjuri mal-momument tal-Assedju, f’Misraħ l-Assedju fil-Belt Valletta.
Poġġew il-fjuri wkoll il-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti, il-Prim Imħallef, deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti, il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, u rappreżentanti tal-korpi kostitwiti.