Francis Vassallo ta’ 67 sena minn Ħal Għaxaq ġie kkundannat 15-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati li kien qed jisraq l-elettriku minn ħanut tax-xagħar mikri lill-koppja sbatax-il sena ilu.
Vassallo tressaq il-Qorti mixli b’għadd ta’ akkużi fosthom li seraq b’eluf ta’ ewro f’konsum ta’ elettriku għad-dannu ta’ din il-koppja.
Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ħareġ li l-akkużat kellu d-dar tiegħu fuq il-ħanut u għadda wire mix-xaft tal-ħanut għall-garaxx tiegħu u kien qed jisraq id-dawl minnu.
Fix-xhieda tagħha l-vittma qalet li f’Marzu ta’ sentejn ilu nnutat li kienet qed taħli ħafna dawl meta l-ħanut kellu jingħalaq minħabba l-pandemija.
Hija qalet li ntebħet b’dan is-serq meta għal darba, darbtejn marret il-ħanut u rat il-meter tad-dawl iteptep meta fil-ħanut kien ikun hemm kollox mitfi.
Hija semmiet kif il-kontijiet kienu qegħdin jiġuhom għoljin bl-ammonti jvarjaw bejn €400 u €600.
Meta l-Maġistrat Frendo Dimech ġiet biex tagħti s-sentenza hija rrimarkat li Vassallo ma sab ebda diffikultà jisraq mingħand min kien qed iħallsu l-kera, ma wera ebda rimors u lanqas ipprova jikkumpensa lill-koppja.