Proġett ġdid fil-landfill tal-Għallis se jwassal biex il-kapaċità tagħha tiżdied u tkun massimizzata, billi se ssir espansjoni vertikali.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia, waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, fejn aċċerta li din l-espansjoni se ssir mingħajr ma tittieħed aktar art.
Din l-espansjoni ser tinkludi teknika fejn mhix se tinvolvi bini ta’ infrastruttura jew ta’ faċilitajiet ġodda, biex b’hekk jiġi rispettat l-ambjent u tiżdied il-kapaċità.
Din se tikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ ħajt li huwa magħmul mill-istess skart li hemm bħalissa f’din il-landfill.
Dan il-ħajt se jkollu inklinazzjoni ta’ 70 grad minflok ta’ 30 grad, kif issoltu tkun landfill.
Dan biex il-kapaċità se tiżdied bi 330,000 metru kubu, li huwa 130 darba akbar minn pixxina ta’ daqs olimpiku.
Il-Ministru Farrugia qal kif dan il-metodu se jkun qed itejjeb l-immaniġġjar ta’ din il-landfill.
Huwa qal li din l-espansjoni se tkun tista’ tintuża għal iktar tul ta’ żmien biex pajjiżna jkun jista’ jagħmel l-aħjar użu ta’ dan l-impjant, sakemm jinbena l-impjant tal-waste-to-energy.
Preżenti wkoll kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca qal kif dan il-ħajt li jinbena mill-iskart se jkun twil 667 metru u mibni minn 315,000 tunellata ta’ skart, li huwa daqskemm ikun iġġenerat skart f’sena.