Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali se jkun qiegħed joffri assistenza lil dawk il-bdiewa li qegħdin jaffaċċjaw problemi fosthom theddid li jitkeċċew minn raba’ privata li ġiet imqabbla lilhom.
B’hekk il-Ministeru ser ikun qed joffri assistenza teknika u legali bl-għan li jtaffi piżijiet finanzjarji minħabba azzjonijiet legali u kawżi l-Qorti.
Dawn is-servizzi se jkunu qegħdin jiġu provduti permezz ta’ l-AgriConnect fi ħdan il-Ministeru.
Din il-problema tqanqlet minħabba s-sentenza li ngħatat mill-Qorti Kostituzzjonali tat-23 ta’ Novembru 2020 fl-ismijiet “J&C Properties Limited vs Nazzareno Pulis et” fejn il-Qorti ddikjarat li l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba, imur kontra d-drittijiet fundamentali għat-tgawdija tal-proprjetà kif ukoll ta’ smigħ xieraq fir-rigward ta’ sid l-art.
Bdiewa li huma reġistrati mad-Dipartiment tal-Agrikoltura li ġew mhedda, ingħataw avviż ta’ tkeċċija jew li diġà ttieħdu l-Qorti minn sid l-art jistgħu jibbenefikaw minn din l-inizjattiva.
albiet għal għajnuna teknika jew pariri legali jistgħu jsiru billi jsir kuntatt ma’ AgriConnect bit-telefon fuq in-numri 21804981/2/4 jew permezz ta’ email fl-indirizzagriconnect.mafa@gov.mt jew billi jżuru wieħed mill-uffiċini fil-Mellieħa, Qormi, Żabbar u r-Rabat, Għawdex.
Bdiewa li huma involuti f’kawżi attivi fil-qrati tagħna, jew li ġew notifikati b’att tal-Qorti, jew dawk li s-sid tal-art imqabbla lilhom ma aċċettax il-ħlas tal-qbiela, jistgħu jkunu assistiti permezz ta’ rappreżentanza legali quddiem il-Qorti.
Il-Ministeru se jkun qiegħed jipprovdi wkoll assistenza sabiex il-qbiela tiġi depożitata taħt l-Awtorità tal-Qorti f’isimhom.