B’investiment ta’ madwar zewġ miljun ewro ser tinbena mill-ġdid Triq Wied il-Għajn u Triq Ħaż-Żabbar.
Infrastructure Malta se tintroduċi korsija ġdida għall-mixi u r-roti mit-triq li twasslet minn Ħaż-Żabbar għal Wied il-Għajn.
L-ewwel fazi tal-proġett jinkludi l-bini mill-ġdid tal-karreġġjati taż-żewġ toroq, li se jibqgħu b’żewġ korsiji imma se jkunu disinjati mill-ġdid.
Iż-żewġ toroq eżistenti, magħrufin bħala l-Bypass l-antika ta’ Wied il-Għajn, bħalissa m’għandhomx faċilitajiet adekwati għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, bit-trasport pubbliku jew bir-rota.
B’dan l-investiment infrastrutturali fit-tieni fażi tal-proġett se tinbena korsija ġdida. Sabiex fit-triq se jkun hemm passaġġ għall-mixi u r-roti, waqfiet aktar siguri għall-karozzi tal-linja u elfejn metru kwadru ta’ żoni ġodda msebbħin b’siġar u pjanti.
Il-proġett jinkludi wkoll tisħiħ tas-sistemi għad-distribuzzjoni tas-servizzi li hemm għaddejjin taħt iż-żewġ toroq, spralli ġodda għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita u sistemi biex idawlu it-triq.
Il-Ministru għat-trasport u l-Infrastruttura Ian Borg tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-proġett.
Il-Ministru Borg stqarr, “Hija triq użata ħafna u naħsbu li hija triq li tista’ tintuża għall-mixi. Din it-triq se tagħmel differenza f’ħajjet in-nies li jgħixu hawnhekk.”
Din se tkun ir-raba’ korsija għall-mixi u r-roti tat-tip tagħha f’Malta. L-ewwel waħda nbniet tul Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, magħrufa taċ-ċawsli. Bħalissa, Infrastructure Malta qed tibni korsija simili ta’ erba’ kilometri li tgħaqqad l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali, bħala parti mis-Central Link Project.