Il-kappella ddedikata lil Santu Kristu f’Ħal Għaxaq se tiġi rrestawrata mid-Direttorat tar-Restawr li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
“Din il-kappella se tiġi restawrata grazzi għall-Iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, hekk kif reċentement nedejna il-ħames sejħa ta’ applikazzjonijiet għal din l-iskema. L-impenn tagħna lejn il-wirt lokali huwa mmanifestat f’dawn l-inizjattivi, hekk kif nimirħu biex inkomplu nsaħħu l-wirt tanġibbli tagħna permezz ta’ restawr u interventi ta’ siti u monumenti storiċi. Il-lokalitajiet tagħna huma miżgħuda b’dawn tal-aħħar, u permezz ta’ dawn il-proġetti, aħna qegħdin niddeddikaw ruħna biex insaħħu l-prodott kulturali,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultua u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt iż-żjara tiegħu.
Ħmieġ u qoxra sewdenija akkumulaw fil-partijiet fejn ma jiġux maħsula bix-xita u t-tmermir tal-wiċċ tal-ġebla huwa preżenti f’kull parti tal-faċċata, speċjalment dik tan-Nofsinhar. Iz-zuntier esperjenza tmemir konsiderevoli fit-tessut tal-wiċċ tiegħu.
Ix-xogħlijiet segwenti qegħdin jiġu proposti biex isiru waqt dan l-intervent tal-faċċati u z-zuntier: tindif bil-galbu bi xkupilji niexfa. Il-kisi se jitneħħa, u fejn hu possibbli, jsir rikostituzzjoni tal-ġebel rvinat, fejn plastic repair b’taħlita ta’ ġir apposta se tintuża. Fili miftuħa se jitnaddfu u jiġu mimlija. Xogħol fil-ġebla dekorattivu skoplit li huwa mitluf jew mmermer ħafna se jiġu mibdula billi jintużaw mudelli apposta.
Il-kappella nbniet fl-1852 fuq is-sit ta’ niċċa dedikata lil Santu Kristu li saret fl-1807. Il-kappella nbniet permezz ta’ donazzjonijiet mill-abitanti ta’ Ħal Għaxaq, kif ukoll minn benefatturi li jgħixu lil hinn mir-raħal. Il-kappella kienet disinjata minn Francesco Carabott, Kapu Mastru miż-Żejtun. Il-kappella għandha 2 kampnari u koppla, u hija ta’ stil barokk.