In-niċċa tar-Redentur f’Marsaxlokk ser tkun qed tiġi restawrata.
Dan tħabbar iktar kmieni llum f’konferenza tal-aħbarijiet fejn intqal kif in-niċċa li tmur lura għal tmiem is-seklu dsatax bejn l-1883 u l-1884, ser tkun qed tigi restawrata bħala parti mill-iskema ta’ restawr tal-Kunsilli Lokali.
Skema li applika għaliha l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk sabiex din il-ġawrha tant għal qalb ix-Xlokkajri tittieħed lura għall-glorja tagħha.
Preżenti għal din il-konferenza quddiem in-niċċa tar-Redentur fi Triq iż-Żejtun, il-Perit tad-Direttorat tar-Restawr, Ivana Farrugia spjegat ir-restawr li hemm bżonn isir.
Restawr li huwa stmat jiswa’ bejn ħmistax u għoxrin elf ewro u li ser jitlesta fi żmien erba’ xhur.
“Uħud huma komuni għal kull proġett ta’ restawr. It-tindif ġenerali tagħha mid-depositi li jkunu akkumulaw tul is-snin. It-tneħħija ta’ inserimenti tal-ħadid li ma għadx hemm bżonn u llum jagħmlu ħsara.” Saħqet Farrugia.
Bħala parti minn dan ir-restawr li mistenni jibda’ fi żmien xahar, il-Perit Farrugia spjegat ukoll kif ġiet identifikata ż-żebgħa oriġinali li tmur lura 130 sena.
B’hekk bħala parti minn dan ir-restawr iż-żebgħa li ser tintuża biex tinżeba’ n-niċċa ser tkun identika għal dik oriġinali.
Farrugia kompliet tgħid, “Dan il-proġett għandu aspett partikolari għalih. In-niċċa llum qed narawha miżbugħha b’żebgħa ta’ żejt fuq il-kannella. Kulur differenti tal-kannella. Imma ġa jidher ċar li taħt dawk il-kulur hemm kuluri eqdem. Probabbli jekk mhux bil-bidu nett ta’ meta din inbniet imma għal maġġoranza tal-ħajja tagħha din in-niċċa kienet ikkulurita, iddekorata. Ħa nippruvaw flimkien bl-assistenza tas-Soppratendenza nippuvaw insibu l-eqdem strat, l-eqdem layer ta’ żebgħa, x’kuluri kienu. Żgur kienu ta’ ġir u napplikaw lilhom.”
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għal Gvern Lokali Silvio Parnis faħħru din l-inizjattiva mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk sabiex tiġi restawrata din in-niċċa permezz ta’ din l-iskema.
Fil-fatt f’kumment ma’ One News il-Ministru Owen Bonniċi faħħar din l-iskema suċċess u li s’issa permezz tagħha ġew irrestawrati bejn 18 u 20 sit.
Il-Ministru stqarr, “B’kollox saru bejn wieħed u ieħor tmintax, għoxrin proġett b’din l-iskema s’issa u jien kuntent immens għaliex il-poplu verament japprezza meta jaraw xi sit li jkun għal qalbhom u jiġi restawrat.”