Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ppresieda għall-iffirmar ta’ ftehim bejn id-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru u l-Kurja, li permezz tiegħu l-gvern se jkun qed jidħol għal xogħol ta’ konsolidament u ta’ restawr tal-Parroċċa l-Qadima ta’ Santa Marija f’Birkirkara.
Dan il-ftehim kien possibbli wara talba speċifika li saret mill-Kurja sabiex il-gvern jassistiha fuq żewġ proġetti ta’ prijorità li jinvolvu żewġ ġawhar arkitettoniċi ekkleżjastiċi nazzjonali. Fil-fatt, minbarra l-Parroċċa l-Qadima ta’ Santa Marija ta’ Birkirkara, monument tal-arkitett Malti Tommaso Dingli mibni fis-seklu sbatax, sar ftehim ieħor dwar il-Knisja tas-Salib tal-Għolja fil-Girgenti, limiti tas-Siġġiewi.
Il-Parroċċa ta’ Santa Marija għandha storja twila ta’ problemi strutturali kkawżati minn pedamenti msejsa fuq saffi ġeoloġiċi differenti li kkawżaw ħsarat konsiderevoli tul is-snin minħabba subsidenza differenzjata. Tant hu hekk li l-knisja kienet parzjalment iġġarrfet u ġiet abbandunata għal snin twal. Matul it-tmeninijiet kienu reġgħu nbnew il-partijiet imġarrfa, madanakollu baqgħu jiffurmaw konsenturi li huma indikattivi li l-problemi fil-pedamenti ma ġewx riżolti.
Il-ftehim għandu jwassal sabiex studji li diġà għaddejjin u li huma parzjalment iffinanzjati minn fondi Ewropej taħt proġett immexxi mill-Kurja, iwasslu għat-tfassil u għat-twettiq ta’ proġett ta’ konsolidament tal-pedamenti u tar-restawr tal-knisja. Dan se jkun qed jiġi ffinanzjat minn fondi pubbliċi taħt it-tmexxija tad-Direttorat tar-Restawr.