Ma’ kull karozza li tiġi impurtata f’pajjiżna il-Gvern se jkun qed iħawwel siġra. Din il-miżura se tkompli ma’ dik introdotta is-sena l-oħra fejn ma kull wild se tkun ukoll qed tinżera siġra.
Din mhix l-uniku miżura favur l-ambjent imħabbra fil-baġit hekk kif il-Ministru Edward Scicluna ħabbar ukoll li matul is-sena li ġejja se jibdew id-diskussjonijiet sabiex jintlaħaq ftehim ma’ konsorzju magħmul mill-operaturi u importaturi tal-fliexken tal-plastik. Dan sabiex tibda titħaddem l-iskema tal-ġbir tal-kontenituri tax-xorb sabiex jitnaqqas ir-rimi tal-plastik b’mod illegali u jiżdied il-plastik li jkun riċiklat.Il-Gvern se jkun qed jħejji wkoll għal bini ta’ facilità għall-irkupru tal-materjali ġdida li se tieħu post dik li nħarqet kif ukoll li jipprovdi infrastruttura temporanja sabiex jonqos l-iskart riċiklabbli li qed jiġi esportat. Fl-istess ħin se jkun qed jibda l-proċess sabiex Malta jkollha Multi-Material Recovery Facility li se tgħin fir-riċiklaġġ ta’ diversi materjali li bħalissa qed jispiċċaw fil-miżbla.
Fil-qasam tas-sajd il-Gvern għandu wkoll il-ħsieb li jniedi skema sabiex jiġu rrestawrati dgħajjes tas-sajd tal-injam li għandhom iktar minn għoxrin sena. Bis-saħħa ta’ din il-miżura se jkun qed jibbenefika s-sajjied filwaqt li jiġu preservati d-dgħajjes tradizzjonali Maltin u s-snajja’ marbuta magħhom.
L-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma se tkun qed tkompli l-assistenza lil persuni vulnerabbli fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija tagħhom billi jinbidlulhom l-appliances il-qodma tagħhom ma dawk ġodda. Il-gvern se jagħti għotja ta’ 70 ewro għal xiri ta’ apparat li jippurfika l-ilma fi djar.
L-istess Aġenzija mistennija wkoll tibda ix-xogħol fuq ir-rijabilitazzjoni taż-żewġ stazzjonijiet strateġiċi ta’ ppumpjar li jinsabu f’Ta’ Kandja, Ta’ Bakkja kif ukoll taċ-Chadwick Lakes li wkoll se jkun qed jipprovdi żona ta’ rikreazzjoni edukattiva għall-familja kollha.