“Ser nibqgħu nkunu ta’ spalla għan-negozji Maltin u Għawdxin biex joħolqu l-ġid u l-opportunitajiet.”
Dikjarazzjoni ċara tal-Prim Ministru Robert Abela f’attività politika l-Ħadd filgħodu fin-Nadur, fejn wassal messaġġ ċar ta’ pożittività u ottimiżmu lin-negozji f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru tenna, “Lil dawn in-negozji jien ngħidilhom messaġġ ċar. Diġà aċċennajt għalih, ħa naċċenna għalih issa u se nibqa’ nenfasizza dwaru. Aħna se nibqgħu magħkom u se ssibuni ta’ spalla magħkom u niddefendikom min kull min qed jipprova jbeżżagħkom.”
Il-Prim Ministru semma kif mindu faqqgħet il-pandemija, Gvern Laburista ma waqafx jgħin lin-negozji, u hekk se jibqa’ jagħmel.
Il-Mexxej Laburista stqarr, “U fuq kollox lin-negozji x’urejnihom waqt pandemija? Li konna magħhom u ser nibqgħu magħhom. Jien meta nsaqsi lili nnifsi għamilt għomri naħdem man-negozji, kif nista’ llum ma nkunx qiegħed magħhom?”
Robert Abela semma bosta miżuri li ħabbar il-Gvern biex isostni lin-negozji u l-ħaddiema, fosthom dik tant kruċjali tal-wage supplement. Hawnhekk reġa’ tenna kif in-negozji l-aktar milquta se jibqgħu jiġu mgħejjuna sakemm huwa meħtieġ.
Intant, il-Mexxej Laburista nnota wkoll kif f’dawn iż-żminijiet, in-negozji sabu lil Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista ibeżżgħuhom.
Dr Abela qal, “U hemmhekk fejn nidħlu aħna, hemmhekk fejn jidħol l-irwol ċentrali tal-Gvern li jnaqqas il-burokrazija, li jżomm in-negozji mħarsin minn min qed jipprova jbeżżagħhhom, li jżomm in-negozji mexjin ’il quddiem. In-negozji nagħtihom garanzija li se jsibuna magħhom biex nirreżistu ideat tal-biża’ u abbozzi ta’ liġijiet tal-biża’ li qed tipprova ddaħħal l-Oppożizzjoni f’pajjiżna.”
Dwar il-liġijiet li trid iddaħħal l-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru kien skjett.
Hawn tenna, “Li dawn huma liġijiet li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jdaħħlu biża’ fost in-negozji, l-inċertezza u li jipparalizzaw l-ekonomija. Ilhom jippruvaw jistagħġnaw l-ekonomija ta’ dan il-pajjiż mill-elfejn u erbatax. Jien ngħidilhom ma rnexxilkomx f’pandemija se jinrexxilkom issa?”