“Inwiegħed li se nkompli nieħu d-deċiżjonijiet għall-futur ta’ pajjiżna.”
Hekk beda d-diskors tiegħu fl-ewwel attività politika bħala Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, quddiem folla numeruża li tatu merħba mill-isbaħ f’Bormla.
Fi tmiem il-ġimgħa li fiha ħa t-tmun tal-pajjiż, Dr. Abela qal li reġgħet bdiet tirrenja l-istabbiltá, frott deċiżjonijiet li mhux dejjem kienu faċli.
“Ħadna deċiżjonijiet iebsin mela ma ħadnix deċiżjonijiet iebsin imma kellna l-kuraġġ li noħduhom u jiena wegħdt u se nkompli nwiegħed u se nkompli nwettaq deċiżjonijiet li iva huma iebsin imma jekk huma meħtieġa se jittieħdu.”
Bi kburija tkellem dwar il-ħatra tal-kabinett il-ġdid. Għażla xejn faċli hekk kif il-grupp Parlamentari kollu huwa mogħni b’talenti li jistgħu jmexxu ’l quddiem lill-pajjiż.
Il-Prim Ministru stqarr kif fix-xhur u s-snin li ġejjin huwa ser ikun qed juża t-talent ta’ kull individwu li jagħmel parti mill-Grupp Parlamentari.
Dr. Abela tkellem ukoll dwar il-prijoritá tiegħu sabiex jassigura li f’pajjiżna tirrenja l-Governanza t-tajba.
“L-ewwel deċiżjoni tal-Kabinett kienet li naħtru grupp, kumitat fi ħdan l-istess Kabinett jiġifieri magħmul minn membri tal-istess Kabinett li se nkunu qed nidentifikaw u nressqu l-quddiem u nressqu l-quddiem malajr proposti li jkomplu jsaħħu l-governanza tajba.”
Il-Prim Ministru Abela tkellem ukoll dwar il-metodu tal-ħatra ta’ Kummissarju ġdid tal-Pulizija, u xejjen kull dubju dwar indħil fid-deċiżjoni li għandu jieħu l-Gvern.
“Aħna ma nħallux lil ħaddieħor jiddetta x’nagħmlu aħna. Aħna l-Gvern. Aħna l-Gvern u xogħlna hu li mexxu l-pajjiż u se mmexxu lill-pajjiż. Aħna l-Gvern u d-deċiżjonijiet se noħduhom aħna.”
Dwar is-setturi tal-Ambjent u l-Ippjanar, il-Mexxej Laburista qal li spiċċa ż-żmien li l-Ambjent jibqa’ jkun il-ħaruf tas-sagriffiċju għall-benefiċċju tal-iżvilupp.
“Li mhux nibnu biss u ngħidu llum umbgħad naraw għada. Le dik mhux mentalitá li għalina hija aċċettabli. Aħna rridu naraw illum, aħna rridu naraw ix-xahar id-dieħel u rridu naraw għexieren tas-snin oħra wkoll. Għat-tfal tagħna. X’wirt se jkollhom minn dan il-pajjiż.”
Il-Prim Ministru wiegħed li Gvern Laburista ser ikun vuċi soda għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha.
“Nwegħdkhom li flimkien mal-Grupp Parlamentari u l-bqija tal-Kabinett se nkunu vuċi soda għalikhom, se nkunu vuċi soda għal kull wieħed u waħda minnkhom u se ssibuna kull meta jkollkhom bżonn.”