Tlett snin ta’ preparazzjoni u riċerka intensiva wasslu għat-tħawwil ta’ tlieta u ħamsin siġra u għażla sħiħa ta’ pjanti indiġeni li jsebbħu l-madwar tal-foss bl-ilwien tagħhom skont l-istaġun. Dan it-tħawwil ser ikompli jikkumplimenta l-proġetti varji li saru bil-għan li l-Belt Kapitali Maltija tkompli tgħaxxaq il-viżitaturi li ta’ kuljum jgħaddu minn fuq il-foss tal-belt.
Iltqajna ma’ Joseph Schembri, il-konsulent tal-ortikultura fi ħdan il-korporazzjoni ta’ riġenerazzjoni tal- Port il-Kbir, li stqarr magħna li ilu tlett snin sħaħ jaħdem fuq dan il-proġett u jħossu sodisfatt li ddedika ruħu lejn dan il-proġett b’tali mod li seta’ jidħol fl-inqas dettal tal-proġett.
“Issa wasalna fl-aħħar fażi tal-proġett, ilna għaddejjin fl-aħħar snin nagħmlu riċerki estensivi aħna hawnhekk tal-ambjent kif inhu, tal-klima partikolari li aħna għandna, għandna l-wind tunnels għaddejjin, ix-xemx kif jaffettwa l-ambjent u hawnhekk wieħed se jsib wirja tal-patrimonju naturali Malti.”
Fissrilna li l-materjal li bih qiegħed jinħadem il-proġett huwa esklussivament Malti. Il-foss ser ikun mimli sa ruħ ommu b’siġar Maltin bħall-balluta u siġra taż-żebbuġ kif ukoll pjanti tipiċi Maltin fosthom in-narċis u widnet il-baħar. Schembri spjega l-ħamrija li ser tintuża għalkemm naturali, is-saffi tagħha ser ikunu komposti minn elementi differenti li jiżguraw li s-siġar u l-pjanti jkunu kapaċi jsostnu lilhom infushom mingħajr xkiel.
Min-naħa tiegħu iċ-ċermen tal-korporazzjoni, Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li dan il-proġett wasal il-fażi finali tiegħu u wara li jinfetaħ għall-pubbliku ser ikun spazju msejjes bl-istorja.
“Qegħdin fl-aħħar fażijiet ta’ dan il-proġett tal-ġnien li qed isir fil-foss hawnhekk fid-daħla tal-belt Valletta fejn bħalissa għaddej il-proċess ta’ tħawwil ta’ siġar huwa parti mit-tlestija ta’ dan il-proġett fi ftit tal-ġimgħat oħra nkunu qed naraw it-tlestija ta’ dan il-proġett illi hawnhekk ser ikun qed isebbaħħ dan il-foss filwaqt li jagħti spazju rikreazzjonali illi minnu nnifsu jirrakkonta l-istorja kbira illi għandu dan il-foss bħala parti mill-istorja tal-belt Valletta.”