Ġie ffirmat ftehim bejn Nature Trust Malta u l-kumpanija Enemed, li permezz tiegħu, Nature Trust Malta se tkun qed tieħu ħsieb li tħawwel 270 siġra indiġena u arbuxelli fir-riserva naturali ta’ Wied Għollieqa.
It-tħawwil ta’ dawn is-siġar se jibda fil-ġranet li ġejjin.
Il-kumpanija Enemed se tkun qed tgħin f’dan il-proġett billi tagħti donazzjoni ta’ €9,500 li se jmorru għat-tħawwil tas-siġar kif ukoll għall-manutenzjoni tagħhom, fosthom it-tisqija u l-monitoraġġ tagħhom biex jitħarsu kontra mard u kundizzjonijiet oħra.
Iż-żewġ naħat laħqu ftehim bejniethom dwar pjan ta’ manutenzjoni għas-snin li ġejjin.
L-iffirmar tal-ftehim sar miċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Enemed, Kevin Chircop u minn Vincent Attard, il-Kap Eżekuttiv ta’ Nature Trust Malta, fil-preżenza tal-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi.
Il-Ministru Joe Mizzi fakkar li bħalissa l-kumpanija Enemed għaddejja b’diversi proġetti infrastrutturali, li għandhom iwasslu biex iħarsu s-saħħa tan-nies u l-ambjent li jgħixu fih, u dan fost oħrajn bil-proġett għall-ħażna tal-fuel li se jibda jsir f’Ħas-Saptan minflok f’Birżebbuġa.
Huwa qal li l-ftehim li ġie ffirmat illum ikompli juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jgħin fir-riġenerazzjoni tal-ambjent ta’ madwarna u dan permezz tal-kumpanija Enemed, li qed tgħin fl-iffinanzjar ta’ tħawwil ta’ 270 siġra ġdida għat-tgawdija tal-familji Maltin.