Iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv, bi pjaċir iħabbar is-6 Festival tal-Films tas-Sena l-Ġdida Ċiniża. Bejn it-18 ta’ Frar u l-4 ta’ Marzu 2025, dan il-festival ser iwassal għażla ta’ erba’ films Ċiniżi lill-udjenzi f’Malta, li għamlu suċċess kbir fiċ-Ċina.
Il-festival ser jiftaħ bil-film “One and Only” nhar it-Tlieta, 18 ta’ Frar fis-7:30pm. Dirett minn Dong Chengpeng, din il-kummiedja ssegwi l-vjaġġ ta’ Ding Lei, żeffien tal-hip-hop b’esperjenza, u Chen Shuo, żagħżugħ b’aspirazzjonijiet fil-breakdancing. Flimkien dawn jaħdmu biex jilħqu l-ħolma tagħhom li jsiru żeffiena professjonali, filwaqt li jippreżentaw spettaklu dinamiku ta’ żfin u perseveranza.
It-tieni film “YOLO” ser jintwera nhar il-Ġimgħa, 21 ta’ Frar fis-7:30pm bi storja kommoventi u umoristika diretta minn Jia Ling. Il-film juri lil Le Ying, mara li tibda vjaġġ ta’ skoperta personali wara li titlaq mingħand il-ġenituri tagħha. Wara li tiffaċċja sfidi u diffikultajiet, eventwalment issib l-iżvog tagħha fil-boxing. Dan il-film kiseb success kbir fiċ-Ċina u kien l-aktar film Ċiniż li daħħal flus fl-2024.
Nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Frar fis-7:30pm, l-udjenzi jistgħu jgawdu l-film “Pegasus 2”, kummiedja-drama sportiva diretta minn Han Han. L-istorja hija dwar ix-xufier tal-karozzi Zhang Chi, eks champion li jingħata ċans ieħor biex jikkompeti meta fabbrika tal-karozzi f’diffikultà finanzjarja tiddeċiedi li tisponsorjah għall-aħħar rally f’Bayinbrook. Mimli umoriżmu, azzjoni u mumenti emozzjonanti, “Pegasus 2” jagħti esperjenza eċitanti lill-udjenzi ta’ kull età.
Dan il-festival jagħlaq bil-film “Creation of the Gods I: Kingdom of Storms” nhar it-Tlieta, 4 ta’ Marzu fis-7:30pm. Dirett minn Wuershan, dan il-film epiku tal-fantasija huwa adattament tar-rumanz klassiku Ċiniż “Investiture of the Gods”. L-istorja tieħu lill-udjenzi fuq vjaġġ spettakolari fost battalji mitoloġiċi bejn il-bnedmin, l-immortali u l-mostri, aktar minn tliet elef sena ilu. B’ viżwali impressjonanti u storja affaxxinanti, dan il-film huwa ideali għal min iħobb il-fantaxjenza.
Il-films ser jintwerew fiċ-ċinema ta’ Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta, u l-biljetti jistgħu jiġu bbukkjati permezz tas-sit uffiċjali tagħhom. Il-films Ċiniżi ser ikollhom sottotitli bl-Ingliż.