Se jingħata permess limitat biex jinħaraq xogħol pirotekniku fil-jiem li normalment tkun iċċelebrata l-festa tal-lokal.
Ħabbar din id-deċiżjoni l-Ministru għall-intern Byron Camilleri.
Minħabba l-pandemija l-Awtoritajiet tal-Knisja ddeċidew li l-festi esterni ma jsirux, imma meta ttieħdet din id-deċizjoni l-maġġoranza tal-kmamar tan-nar kienu avvanzaw sew fix-xogħol pirotekniku
Għaldaqstant ġie deċiż, li l-pulizija se tkun qiegħda tagħti permessi għal ħruq tan-nar lejliet u nhar il-festa filgħodu u f’nofsinhar u Lejliet il-festa għall-ħabta tas-6 ta’ filgħaxija, f’dik magħrufa bħala t-translazzjoni.
F’nhar il-festa se jingħata permess limitat għal ħarqa ta’ siegħa filgħaxija.
Mhux se jingħata permess għall-ebda logħob tan-nar tal-art u lanqas għal spettakli pirotekniċi.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li l-ħsieb wara din id-deċiżjoni huwa mnebbaħ mis-sigurtà fil-kmamar tan-nar li diġà għandhom ħażna ta’ murtali.
Il-Ministru Camilleri stqarr, “Rajna x’kienet is-sitwazzjoni. Rajna li diversi kmamar ta nar x’ħażna kellhom minħabba s-sigurtà.”
Il-Ministru Byron Camilleri qal li dawn id-deċiżjonijiet kienu meħuda wara konsultazzjoni u appella sabiex jiġu osservati l-miżuri kollha bħala prekawzjoni kontra l-Coronavirus.
“Nibqgħu nsegwu d-direttivi, waqt li ngawdu n-nar mill-bjut tagħna.” Temm jgħid il-Ministru Camilleri.