L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jixtieq javża lill-pubbliku li, nhar it-Tlieta 8 ta’ Novembru filgħaxija, ser ikun qiegħed jorganizza eżerċizzju ta’ taħriġ, fejn ser jiġi simulat aċċident li jinvolvi ajruplan. F’dan l-eżerċizzju ser jipparteċipaw l-entitajiet li kieku jkunu involuti f’każ li jseħħ aċċident fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Eżerċizzji ta’ din ix-xorta jiġu organizzati kull sentejn, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), sabiex jiġi ddeterminat kemm huma ppreparati l-entitajiet ikkonċernati sabiex jirrispondu għal kriżi, filwaqt li tiġi ttestjata l-adegwatezza tas-sistemi ta’ komunikazzjoni li jintużaw f’każ ta’ emerġenza u r-riżorsi disponibbli.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jixtieq javża wkoll li dan l-eżerċizzju mhux ser jaffettwa lil min ser ikun qiegħed jivvjaġġa dakinhar. Barra minn hekk, l-ajruport jixtieq ifakkar lill-pubbliku li attività mhix tas-soltu, bħall-moviment ta’ għadd ta’ vetturi ta’ emerġenza u salvataġġ fid-direzzjoni tat-terminal, ma għandhiex tikkawża allarm.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jixtieq jirringrazzja lill-pubbliku tal-kooperazzjoni tiegħu sabiex dan l-eżerċizzju jirnexxi.