Mistenni jibda xogħol fuq bini ta’ kmamar għall-priġunieri li għandhom tfal minorenni, barra l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Dan ser isir grazzi għall-ftehim iffirmat bejn l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-Għaqda mid-Dlam għad-Dawl bil-għan li l-proġett joffri ambjent privat u sigur.
Il-ftehim jgħaqqad ma’ kullana ta’ inizjattivi bejn l-Għaqda mid-Dlam għad-Dawl u l-Ministeru għall-Intern, intiżi sabiex jgħinu lill-priġunieri u l-qraba tagħhom jaffaċċjaw l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom waqt li jkunu qed jiskontaw sentenza.
Il-proġett ser jibda fil-jiem li ġejjin u ser jinkludi kmamar ta’ rikreazzjoni fejn il-ġenituri jistgħu jilgħabu mat-tfal f’post adattat.
Il-Ministru għall-Intern u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri stqarr kif dan il-proġett ser ikompli jgħin sabiex dawn il-priġunieri jerġgħu jkunu integrati fil-komunità.
Huwa stqarr: “Permezz ta’ dan il-ftehim qed naraw li jkun hemm binja fil-komunità illi fejn permezz tagħha dawk li jkunu qegħdin jiskontaw sentenza jkunu jistgħu jiltaqgħu mal-familja tagħhom, mat-tfal tagħhom f’ambjent illu huwa aktar familjari, f’ambjent li huwa aktar soċjali u allura jista’ jassisti biex verament ngħinu lil dawn il-persuni li jkunu rintegrati aħjar fis-soċjetà u anki ngħinu fir-riabilitazzjoni tagħhom.”