Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li r-4 vapur tal-Gozo Channel, l-MV Nikolaus, ser isirulu modifiki għall-aktar aċċessbilità.
Hija qalet kif l-MV Nikolaus ser jieqaf jopera b’mod temporanju sabiex isiru xi modifiki fuqu biex tissaħħaħ l-aċċessbilità.
Saħqet kif l-MV Nikolaus, li ssieħeb mal-flotta tal-Gozo Channel f’Ġunju ta’ din is-sena, ser ikun wieqaf bejn il-11 ta’ Novembru 2019 u t-12 ta’ Diċembru 2019 sabiex isiru l-modifiki neċċessarji u jsir iktar aċċessibbli.
Żiedet tgħid kif dan ser isir billi ser isiru s-side ramps biex il-passiġġieri ikunu jistgħu jgħaddu mit-terminals rispettivi taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr. Qalet kif dawn il-modifiki ser isiru f’tarzna barra minn Malta hekk kif innegozjat mis-sidien tal-istess vapur wara li qablu li jsiru dawn il-modifiki a spejjeż tagħhom.
Temmet billi qalet li l-MV Nikolaus ser jibqa’ jopera sakemm jiġi ffinalizzat il-proċess tat-tender għall-vapur ġdid.