Sentiment pożittiv għall-proposti mħabbra mill-Gvern fil-White Paper dwar l-użu responsabbli tal-kannabis, fosthom mill-għaqda ReLeaf.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, il-President ta’ din l-għaqda li taħdem biex tippromwovi l-użu regolarizzat tal-Kannabis, saħaq kif b’dawn il-proposti, jistgħu jieqfu l-laqgħat suspettużi bejn min jixtri u min ibiegħ.
Qal, “Kburin ħafna b’li sar, li qed naraw fil-white paper hemm proposti tajbin ħafna u li pproponejna aħna u ħaduhom on board. Dik li tista’ tkabbar id-dar hija waħda importanti ferm ukoll li hija xi ħaġa fejn ma jkollox toħroġ mid-dar biex tagħmel deals ma’ nies suspettużi biex takkwista l-prodott.”
Fost il-bidliet ewlenin fil-White Paper hemm dik li, adult li jinsab fil-pussess ta’ seba’ grammi Kannabis għall-użu esklussiv tiegħu, ma jkun qed iwettaq l-ebda reat.
Ġie propost ukoll li kull abitazzjoni residenzjali tista’ tkabbar sa massimu ta’ erba’ pjanti għall-istess abitanti u mhux għall-bejgħ.
L-Avukat Alex Scerri Herrera saħaq kif il-proposti mressqa mill-Gvern se jneħħu l-piż ta’ kondotta mċappsa li għal bosta snin, xi wħud ġarrew magħhom.
Spjega, “Il-fatt li jistgħu jitneħħew tebat illi hemm fil-kondotta ta’ dak li jkun huwa punt u proposta essenzjali u tajjeb ħafna u dan ifisser li mhux biss individwi li forsi nqabdu fil-passat b’ammonti minimi tal-kannabis iżda anke dawk li fosri llum ikkommettew reat li llum m’għadux reat ukoll jista’ jinħeles mill-kalvarju li jrid jgħaddi minnu fejn jidħol xogħol u affarijiet hekk.”
Intant fi stqarrija, il-Forum Żgħażagħ Laburisti qal li diġà impenja ruħu f’Settembru li għadda li jiddiskuti u jistudja dan is-suġġett, u mistenni jħabbar xi proposti fiż-żmien li ġej.
Il-fergħa żagħżugħa kompliet tgħid li l-Forum qed jagħti spazju biex iż-żgħażagħ ikomplu jgħinu fil-ħolqien ta’ soċjetà ġusta, ġustizzja soċjali u jkunu katalisti tal-bidla.