Sentiment pożittiv mill-Birżebbuġin għall-fatt li fix-xhur li ġejjin se jibda x-xogħol fil-proġett tax-shore-to-ship fil-Port Ħieles, il-port li ta’ kuljum jara numru ta’ bastimenti tal-merkanzija.
Dan il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ €13-il miljun, se jfisser inqas emmissjonijiet u anke tnaqqis fl-istorbju li jiġġenera l-operat tal-Freeport.
Is-Sindku ta’ Birżebbuġa, Scott Camilleri, laqa’ b’sodisfazzjon dan il-proġett, li jfisser impenn mill-Gvern biex l-arja fir-raħal u dawk tal-madwar tkun ferm aħjar u iżjed nadifa hekk kif il-bastimenti sorġuti mal-Port Ħieles se jkunu jistgħu jitfu l-magni u jibqgħu jaħdmu bis-sistema t’elettriku mpoġġija fil-Freeport.
“B’dan il-proġett flimkien mal-proġett tal-31 ta’ Marzu bl-għeluq tiegħu bdejna l-proċess ta’ rkupru ambjentali mill-impatt industrijali li għandna fil-lokalità tagħna. Dan bħala Kunsill diġà konna tfajna s-sottomissjoni tagħna mal-Gvern, u nirringrazzjawh talli laqa’ s-sottomissjonijiet tagħna biex issa ħa jibda l-proċess tax-shore-to-ship.”
L-emmisjonijiet mill-vapuri huma l-aktar li jolqtu r-residenti.
Raymond Camilleri, resident, spjega l-isfidi tar-residenti ta’ Birżebbuġa.
“L-emmissjonijiet għalkemm wieħed ma jarahomx huma enormi. Meta tikkompara l-emmissjonijiet ta’ vapur li jaħdem bid-diesel f’operazzjoni ta’ għaxar sigħat huwa daqslikieku l-emmissjonijiet ta’ 25 karozza f’sena sħiħa naħseb hija importanti illi fl-aħħar mill-aħħar il-pollution qiegħda viċin tagħna ħafna u aħna bħala residenti nintlaqtu sew.”
Kevin Barun, l-eks Sindku ta’ Birżebbuġa jinsab ottimist għall-proġett li dalwaqt se jsir realtà.
“Huwa pass fid-direzzjoni t-tajba lilna r-residenti li ilna nsofru ħafna b’dan l-inkonvinjent illi huwa daqshekk qrib tar-residenzi kollha tagħna.”
Hawn tenna wkoll kif f’diskussjonijiet li kienu saru fl-2009, il-proġett tax-shore-to-ship kien sab oppożizzjoni qawwija.
“Kien hemm ħafna intoppi meta ġejna biex nagħmlu x-shore-to-ship, nuża l-kelma li naħseb li dak iż-żmien kienu skużi, imma nħarsu ’l quddiem u hija xi ħaġa tajba li fl-aħħar ħa jsir.”