B’rabta mal-ispazji ġodda mħabbra nhar il-Ġimgħa mill-Prim Ministru Robert Abela, tkellimna ma’ diversi Sindki u minority leaders, li lkoll kellhom reazzjoni pożittiva, għal dawn il-pulmuni ħodor, li se jkomplu jsebbħu l-irħula tagħhom, filwaqt li jipprovdu spazju miftuħ ieħor lill-familji.
Dawn l-erba’ artijiet, li s’issa jinsabu f’żona ta’ żvilupp, kieku jistgħu jinbnew fuqhom madwar 30 blokka t’appartamenti, madankollu l-Gvern qed jagħżel li jipproċedi b’deċiżjonijiet li jiffavorixxu aktar spazji miftuħa fil-qalba tal-irħula ta’ pajjiżna.
Dawn is-Sindki u l-Minority Leaders, innotaw li din kienet wegħda elettorali fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, ‘Malta Flimkien’.
Is-sindku ta’ Ħal Luqa, John Schembri, tkellem dwar dan, filwaqt li spjega kif dan il-proġett, se jsir fi Triq Mikelanġ Sapiano, fejn żona tal-iżvilipp għal ħames sulari ta’ bini, issa se tinbidel fi 3,400 metru kwadru ta’ spazju aħdar għall-familji.
“Sodisfatt ħafna, b’dak li ħabbar il-Prim Ministru dalgħodu, din kienet waħda mill-wegħdiet tal-manifest elettorali. Fil-fatt, illum il-ħolma tagħna, li jkollna spazju miftuħ fir-raħal tagħna, se ssir realtà. Dan huwa Gvern tan-nies, Gvern li mill-kliem jgħaddi għall-fatti u dak li jwiegħed, iwettaq.”
Is-Sindku ta’ Ħal Luqa John Schembri
Fil-fatt, filwaqt li fil-wegħda elettorali tal-Partit Laburista jingħad li għandhom jingħataw 20,000 metru kwadru lin-nies għat-tgawdija, dawn l-erba’ artijiet waħedhom ikopru madwar 8,000 metru kwadru ta’ art.
F’Ħal Kirkop, fi Triq Nerik Mizzi, żona ta’ żvilupp għal ħames sulari ta’ bini, se tinbidel fi spazju miftuħ ta’ 1,100 metru kwadru.
Is-Sindku tal-lokal, Terence Agius, spjega kif din l-inizjattiva, se turi biċ-ċar, il-messaġġ tal-Gvern ċentrali, lejn ambjent aktar sostenibbli.
“Huwa dejjem dak il-ħsieb tagħna, li fejn hemm artijiet tal-Gvern, jiġu użati mill-pubbliku, u dan hu l-messaġġ li l-Gvern Ċentrali u ovvjament, bħala Ħal Kirkop, konnha nafu b’din l-art tal-Gvern, u ssuġġerijniha lil Project Green biex nagħmlu l-ewwel pass, li din l-art tgħaddi lil Project Green, fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin ħa nkunu qegħdin naraw tinbidel fi ġnien pubbliku.”
Is-Sindku ta’ Ħal Kirkop Terence Agius
F’Ħal Lija, fi Triq Merino, 700 metru kwadru ta’ spazju miftuħ, se jieħu post dak li seta’ jkun żvilupp għal erba’ sulari ta’ bini. Il-minority Leader Loreen Farrugia spjegat x’se jsir fil-lokal u kif dan se jaffetwa lir-residenti, u dawk li jżuru l-lokal.
“Se jkun pulmun ġdid fil-qalba tar-raħal. Aħna ma nistgħux ma nirringrazzjawx, lill-Gvern ta’ dawn il-proġetti, lill-Project Green, talli ġnien li kien mitluq għal bosta snin, se jagħmlu ġnien apert għall-pubbliku, biex ikun jista’ jitgawda minn kulħadd, mir-residenti ta’ Ħal Lija u anke dawk li jżuru l-lokal sabiħ tagħna.”
Il-Minority Leader Loreen Farrugia
Ta’ l-istess sentiment, kien is-Sindku ta’ Ħal Lija, Anthony Dalli.
“Aħna din ilna nistennewha ħafna. Dan huwa proġett ieħor, li Ħal Lija kulħadd jaf kemm hu sabiħ, u se nkomplu nsebbħuh b’dan il-ġnien, li fih hemm ħajt tal-briks, qisu fortizza, u dan se jsir ġnien pubbliku. Aħna nilqgħu din l-inizjattiva bħala Kunsill, u hija xi ħaġa pożittiva għar-raħal tagħna”.
Is-Sindku ta’ Ħal Lija Anthony Dalli
Adrian Dominic Ellul, li huwa minority leader fi ħdan il-Kunsill Lokali, ta’ San Ġiljan, spjega kif f’San Ġiljan, proġett f’Ta’ Ġiorni, se jara żona tal-iżvilupp għal binjiet differenti, tinbidel, f’2,300 metru kwadru, sabiex titgawda mill-familji tal-madwar.
“Huwa proġett li hawn bżonnu ħafna, speċjalment f’din iż-żona. Din iż-żona, biswit il-housing estate, ma tantx hawn spazji miftuħa, jiġifieri minnu nnifsu dan il-proġett, ħa jkunu qed jibbenefikaw ir-residenti taż-żona, post ħadrani, post miftuħ, fejn jistgħu jirrikreaw ruħhom, flimkien huma u l-familji tagħhom.”
Il-Minority Leader Adrian Dominic Ellul