F’sentenza tal-Qorti dalgħodu, f’kawża ta’ libell li d-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi għamel kontra l-Ministru Owen Bonnici, kien hemm konferma ta’ dak li ilu jgħid il-Partit Laburista. Huwa Jason Azzopardi l-politiku li kellu jerfa’ r-responsabbiltà għall-iskandlu tal-art tal- Löwenbräu li fost oħrajn ġab il-kundanna tal-Awditur Ġenerali.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista fakkar kif Jason Azzopardi kien mar il-Qorti wara konferenzi tal-aħbarijiet fuq is-suġġett mill-Partit Laburista. Iżda, mix-xhieda li semgħet u d-dokumenti li rat il-Qorti kkonkludiet li kellu raġun il-Partit Laburista li jsejjaħ lil Jason Azzopardi biex iwieġeb għad-deċiżjonijiet skandalużu f’dan il-każ.
Fost oħrajn il-Qorti rreferit għax-xhieda ta’ Albert Mamo, li kellu l-Kariga ta’ Kummissarju għall-Artijiet kif ukoll għar-rapport tal-Awditur Ġenerali.
Fis-sentenza jingħad: “mir-rapport tal-Awditur Ġenerali huwa ċar li meta ssir referenza għall-‘Minister MFCC’ tali referenza hija għal ‘the Minister MFCC the Hon Dr Jason Azzopardi.’
B’hekk intqal li l-argumenti li saru mill-Ministru Bonnici, kif ukoll mill-Partit Laburista, kienu korretti għax kienu bbażati fuq dokumenti, inkluż fuq ix-xhieda ta’ Nazzareno Vassallo li minn dan id-deal kien l-iktar li mar tajjeb.
Il-Partit Laburista temm jgħid li issa, Jason Azzopardi ma baqagħlux fejn idur u għandu jgħid minnufih jekk ux se jerfa’ r-responsabbiltà politika kif talbu l-Awditur Ġenerali.