Akil Albako ta’ tnejn u għoxrin sena u Omar Suod ta’ dsatax-il sena wieġbu ħatja talli fl-erbatax t’Awwissu fil-Belt kapitali kienu involuti f’argument li fih ġew midruba ħafif żewġ żgħażagħ.
Fil-Qorti l-prosekuzzjoni qalet li għadhom għaddejjin investigazzjonijiet sabiex tiġi identifikata t-tielet persuna involuta fl-argument li f’waqtu kienet ukoll il-persuna li tat xi daqqiet b’arma li taqta’ u bil-ponta.
Huma ttellgħu l-Qorti akkużati wkoll li kisru l-paċi pubblika filwaqt li Albako separatament kien akkużat li ħebb, hedded u beżaq fil-pubbliku u Suod kien akkużat separatament li saq karozza mingħajr liċenzja.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli tathom sentenza ta’ probation għal sentejn u imponiet ordni għat-trażżin li bih l-akkużati bl-ebda mod u manjiera ma jistgħu jersqu lejn il-vittmi.