F’aħbarijiet mill-awli tal-Qorti, sitt immigranti tressqu quddiem il-ġustizzja akkużati li ppruvaw jaħarbu minn Malta b’dokumenti foloz.
Erbat irġiel mill-Alġerija, is-Sudan u l-Marokk, wieġbu ħatja għal dawn l-akkużi u intbagħtu disa’ xhur priġunerija kull wieħed, filwaqt li Alġerin ta’ sebgħa u għoxrin sena ġie kkundannat erbatax-il xahar ħabs għax ma kinitx l-ewwel darba li xellef diffrejh mal-ġustizzja.
F’każ ieħor, Sudaniż ta’ għoxrin sena li jgħix fiċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far, ammetta li kellu fil-pussess tiegħu dokumenti foloz u passaport ta’ persuna oħra, u pprova jagħmel użu mill-istess dokumenti biex jaħrab minn Malta.
Huwa ingħata sentenza ta’ priġunerija ta’ seba’ xhur, wara li l-Qorti kkunsidrat li ż-żagħżugħ kien lest jixhed fi proċeduri oħra u kkopera mal-awtoritajiet biex jinqabad is-sors tad-dokumenti foloz.