L-Imħallef Neville Camilleri ta l-aħħar ċans lil Shamison Stafrace, li għandu l-vizzju tad-droga, biex jirriforma ruħu, billi bidel sentenza ta’ ħabs effettiva għal waħda sospiża, biex ikun jista’ jibqa’ jattendi programm ta’ rijabilitazzjoni.
Dan wara li kkunsidra rapport soċjali li sar, u ħass li Shamison għandu jingħata l-aħħar ċans biex ikompli fit-triq it-tajba li jidher li qabad.
Stafrace kien tpoġġa taħt ordni ta’ probation talli seraq mobile u flus kontanti fuq titjira tar-Ryanair fl-elfejn u sittax.
Iżda l-uffiċjal tal-probation irrappurtah talli ma rrispettax il-kundizzjonijiet tal-probation, u l-Qorti estendiet l-ordni ta’ probation bi tliet snin oħra.
Erba’ xhur wara, reġa’ ġie rrappurtat talli rrifjuta li jagħmel it-test tal-awrina u ma deherx għal xi laqgħat. Għal dan, il-Qorti ssentenzjatu għal sittax-il xahar ħabs.
L-Imħallef Camilleri, li ppreseda l-appell tiegħu, sema’ lill-uffiċjal tal-probation jispjega kemm hi severa l-problema tad-droga li għandu l-akkużat, flimkien ma’ diffikultajiet oħra li qed jaffaċċja.
Huwa qal li minn meta ħareġ mill-ħabs f’April tas-sena l-oħra, dejjem attenda s-sessjonijiet u kien qed jipprova b’mod ġenwin biex jindirizza l-isfidi tiegħu.
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi partikolari, l-Imħallef bidel is-sentenza ta’ ħabs f’sentenza sospiża ta’ tliet snin, u poġġa lill-akkużat taħt ordni ta’ superviżjoni.