Ikkundannat tliet xhur ħabs sospiżi Father Charles Fenech tal-Kerygma. Hu nstab ħati li għamel avvanzi sesswali vjolenti fuq mara b’diffikultajiet mentali.
Il-mara, li kienet tgħodd madwar erbgħin sena fi żmien li seħħ il-każ, kienet taħdem id-Dar tal-Providenza.
Mal-pulizija qalet kif għaddiet minn żminijiet diffiċli għaliex kienet qed tinfired minn ma’ żewġha u ddaħlet anke l-isptar Mount Carmel wara li provat twettaq suwiċidju. Hi kienet parti wkoll mill-moviment Kerygma f’perjodu fejn kien jagħtiha widen Fr Charles Fenech.
Wara li ħarġet mill-isptar organizzat festin fid-dar tagħha u Fr Charles prova jbusha għall-ewwel darba. Xi ħaġa li rrifjutat.
F’okkażjoni oħra, wara li ġiet lura Malta minn Għawdex tard filgħaxija, il-qassis insista li tmur miegħu l-Buskett fejn sforza tgħamel miegħu sess orali.
Xi ħaġa li ma ridetx għax fi kliemha lanqas mar-raġel tagħha ma kienet tgħamel dan. Iżda, l-mara kienet kostretta tagħmel twettaq dak li ried il-qassis u segwew episodji oħra fosthom fil-kunvent fir-Rabat fejn kien jgħix u anke fid-dar tagħha.
Filwaqt li l-qassis seta’ deher jimla vojt emozzjonali fil-ħajja tal-mara, il-Qorti nnotat kif żviluppat familjarità żejda. Il-fatt li kienet ilha tara psikjatra snin fisser ukoll kif l-avvanz f’dan il-każ isir iktar vjolenti minħabba n-nuqqas ta’ saħħa mentali. “L-akkużat ma setax ma jinnotax li din kienet persuna vulnerabbli,” qalet il-Qorti.