Anzjan li kien nstab ħati li kkorrompa lin-neputija u li wettaq attakk indeċenti vjolenti tnaqqsitlu s-sentenza ta’ priġunerija wara li fetaħ appell.
Kien lura fl-2007 meta l-vittma, tifla ta’ 14-il sena, ċemplet l-Appoġġ u rrapportat li nannuha kien abbużaha sesswalment – liema nannu u nanna kienet ilha tgħix magħhom minn meta kellha tliet snin.
L-anzjan, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien instab ħati f’Ottubru tal-2013 fejn intbagħat sitt snin ħabs u ġie ordnat biex jiffirma r-reġistru tas-sex offenders
Hu kien fetaħ appell fejn argumenta li l-evidenza ġiet interpretata ħażin u li s-sentenza kienet waħda eċċessiva meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni li hu persuna vulnerabbli u li se jispiċċa l-ħabs sa meta jkollu 79 sena.
L-avukati tal-akkużat argumentaw kif il-Qorti tal-Maġistrati bbażat fuq xhieda rrelevanti fejn qalu lill-Qorti li biex l-akkużi jiġu ppruvati jrid jiġi stabbilit mudell ta’ kondotta b’rispett lejn il-vittma u lejn ħadd aktar. L-Imħallef Antonio Mizzi osserva kif il-Qorti f bbażat is-sentenza fuq l-verżjoni mgħotija mill-vittma fejna sabet din il-verżjoni aktar kredibbli meta mqabbla ma’ dik mogħtija mill-akkużat. Il-Qorti ma qablitx mal-argument tad-difiża meta qalet li saret diskriminazzjoni fil-konfront tal-akkużat meta l-vittma tħalliet tixhed permezz ta’ videocoferencing.
B’rabta mas-sentenza mogħtija l-Qorti nnotat kif għar-reat li wettaq seta’ jeħel bejn tliet snin u 12-il sena u li meta l-ewwel Qorti ġiet tiddeciedi dwar il-piena naqqset milli tieħu kont tax-xhieda tal-vittma li skont il-Qorti tal-Appell din ix-xhieda kellha twassal għal tnaqqis fil-piena.
Il-Qorti ċaħdet l-appell iżda laqgħet it-talba b’rabta mat-tnaqqis fis-sentenza, bis-sentenza tnaqqset minn sitt snin għal erba’ snin.