Il-Qorti Russa kkundannat lill-istilla tal-basketball Amerikana Brittney Griner għal disa’ snin ħabs fuq akkużi ta’ abbuż mid-droga. Hija ġiet ordnata wkoll tħallas multa ta’ miljun rublu (€15,950).
Griner wieġbet ħatja ta’ akkużi ta’ droga iżda ċaħdet li kisret il-liġi deliberatament. Ir-rebbieħa tal-midalja tad-deheb tal-Olimpjadi għandha 31 sena, u nżammet fi Frar f’ajruport qrib Moska meta kellha vape cartridges biż-żejt tal-kannabis fil-bagalji tagħha.
Il-kannabis hija illegali fir-Russja. It-tim tad-difiża ta’ Griner qal li se jappella mill-verdett tal-Ħamis mill-qorti f’Khimki, qrib Moska.
Il-President Amerikan Joe Biden fi stqarrija qal li r-Russja qed iżżomm lil Griner b’mod żbaljat u talab biex tinħeles immedjatament. Il-każ qajjem tħassib li l-istilla Amerikana tista’ tkun qed tintuża bħala pedina politika fil-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna.