Raġel ta’ 44 sena, li jgħix ix-Xgħajra, ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammetta li bagħat filmati sesswali tal-eks sieħba tiegħu.
Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex tiġi protetta l-identità tal-mara, ammetta li xerred filmati tal-eks sieħba tiegħu fuq il-mezzi soċjali.
Fil-filmat, l-eks sieħba tal-akkużat tidher qed tagħmel atti sesswali fuqha nfisha.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Omar Zammit spjegat kif l-imputat irrekordja telefonati virtwali li kien jagħmel mal-eks sieħba tiegħu, b’riżultat li dan spiċċa xerridhom meta temmew ir-relazzjoni tagħhom. Zammit żied jgħid li l-akkużat ikkopera mill-ewwel mal-Pulizija u ammetta għal dak kollu li għamel.
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li l-akkużat tant ikkopera li huwa ta’ l-aċċess tal-account tal-mezzi soċjali tiegħu biex dawn il-filmati jiġu mneħħija, biex ma tkomplix issir aktar ħsara fil-konfront tal-vittma.
Madankollu tenniet li fil-Qorti xorta għandu jintbgħat messaġġ kontra dan it-tio ta’ aġir li jwassal għal ħsara emozzjonali lill-vittmi.