Mara ta’ tlieta u ħamsin sena ammettiet li serqet tmint elef u disa’ mitt ewro mingħand l-eks-sieħeb tagħha.
Il-mara ġiet mixlija b’serq aggravat u li laqgħet għandha ħwejjeġ misruqa fost oħrajn.
Fl-awla ġie spjegat li l-koppja kellhom relazzjoni turbulenti iżda kemm il-Prosekuzzjoni kif ukoll l-avukati tal-parte civile qablu li l-interess tagħhom huwa li l-flus jiġu ritornati u mhux piena ta’ ħabs.
Fil-Qorti l-imputata raddet lura ammont ta’ flus.
Il-Maġistrat Marseann Farrugia kkundannatha għal tmintax-il xahar prinġunerija sospiżi għal tliet snin u ordnatha biex tħallas il-kumplament tal-flus fi żmien sitt xhur.