Keith Cremona ta’ tnejn u tletin sena ingħata sentenza sospiża filwaqt li tilef il-pleġġ ta’ għaxart elef ewro marbuta ma reat ieħor wara li ġie mixli b’serq ta’ elf u seba’ mitt ewro minn trakk li jġorr iċ-ċilidnri tal-gas.
Id-distributur taċ-ċilindri tal-gas qal lill-pulizija li kien innota raġel jaġixxi b’mod suspettuż filwaqt li jdur mat-trakk. F’waqt minnhom innota wkoll lill-akkużat jiftaħ il-bieb tal-kabina u jisraq il-pouch li fih kien hemm il-flus.
Il-qorti pperseduta mill-maġistrat Claire Stafrace Zammit, qalet li ma hemm l-ebda dubju li l-akkużat, Keith Cremona, kien li seraq il-kontanti. Il-Qorti osservat li minkejja l-allegat rekord kriminali ta’ Cremona, ma ġiet murija l-ebda evidenza b’rabta mal-kundanna preċedenti tiegħu, b’hekk kellu jkun ikkunsidrat bħala ħati għall-ewwel darba. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi , il-Qorti kkundanta lill-Cremona għal sena ħabs sospiżi. L-ispettur Elliott Magro mexxa l-prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat David Gatt deher għal Keith Cremona.